Kategoriji ta’ kompetenza
L-Abbozz tal-Kostituzzjoni mill-Praesidium tal-Konvenzjoni fih kategoriji differenti ta’ kompetenza.
Kompetenza Esklussiva
Art. 12 jagħti definizzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, l-unjoni doganali, il-politika kummerċjali komuni, il-politika monetarja għall-pajjiżi ta’ l-Euro, il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini taħt il-politika komuni tas-sajd, u – f’ċerti ċirkostanzi - it-tmiem ta’ ftehim internazzjonali bħala kompetenzi esklussivi.
Hawnhekk l-Istati Membri ma għandhom l-ebda dritt jilleġislaw weħidhom.
Kompetenza Maqsuma
L-Art. 13 jiddefinixxi s-suq intern, l-agrikoltura u s-sajd, it-trasport, in-networks trans-Ewropej, l-enerġija, ċerti żoni tal-politika soċjali, ekonomika, il-koeżjoni soċjali u territorjali, l-ambjent, ċerti oqsma tas-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja bħala kompetenzi maqsuma.
Hawnhekk, l-Istati Membri jitilfu d-dritt li jilleġislaw meta tilleġisla l-UE.
Għar-riċerka, żvilupp teknoloġiku, u spazju, l-UE tista’ tiddeċiedi fuq programmi u tieħu azzjoni kif jistgħu jagħmlu wkoll l-Istati Membri.
Għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni u l-għajnuna umanitarja, l-Unjoni se jkollha l-kompetenza li tieħu azzjoni u tmexxi politika komuni mingħajr ma timpedixxi lill-Istati Membri milli jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom.
Oħrajn
- L-Art. 14 jagħti lill-UE is-setgħat ta’ koordinazzjoni għall-politika ekonimika, il-politika ta’ l-okkupazzjoni u l-politika soċjali u jippermetti li jsiru deċiżjonijiet fuq dispożizzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ta’ l-Euro.
- L-Art. 15 jagħti s-setgħa lill-UE li taġixxi fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà. Il-paragrafu 2 jobbliga lill-Istati Membri jagħtu appoġġ attiv u mingħajr riserva għall-politika komuni barranija u tas-sigurtà ta’ l-Unjoni.
- L-Art. 16 jiddefinixxi l-industrija, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ, il-kultura, l-isport, il-protezzjoni ċivili u titjib fis-saħħa umana bħala “oqsma għal azzjoni ta’ appoġġ”.
Il-bażijiet legali speċifiċi sejrin jiġu ntrodotti f’tielet taqsima għall-kostituzzjoni.